Fid-dawl ta’ ċerti kummenti li saru fil-mezzi ta’ komunikazzjoni dwar uħud mill-allegati messaġġi tas-Sinjura ta’ Borġ in-Nadur lil Angelik Caruana, il-membri taċ-Ċenaklu Theotokos jixtiequ jagħmlu dawn il-kjarifiċi:
1. Sa mill-bidu tal-allegati dehriet tas-Sinjura (2006), kien hemm messaġġi li jirreferu għal diżastri naturali kemm madwar id-dinja u kemm f’pajjiżna.
2. Fl-allegati messaġġi, is-Sinjura insistiet fuq it-talba tar-rużarju bħala mezz biex pajjiżna u d-dinja jkunu meħlusa mid-diżastri naturali.
3. Id-divorzju ilu jissemma fl-allegati messaġġi tas-Sinjura mill-bidu ta’ dawn il-ġrajjiet. M’hemmx konnessjoni diretta bejn il-bidu ta’ messaġġi li jsemmu d-divorzju ma’ meta bdiet tiġi proposta l-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju f’pajjiżna.
4. Ma kienx hemm allegati messaġġi li jorbtu direttament id-diżastri naturali mal-proposta tal-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna.
5. Ma kien hemm l-ebda allegat messaġġ li jitkellem dwar x’jista’ jkun ir-riżultat tar-referendum dwar l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna.
6. Aħna nżommu ruħna ’l bogħod minn kull interpretazzjoni ta’ dawn l-allegati messaġġi li jagħmel ħaddieħor u ma naċċettawx responsabbiltà ta’ dak li joħroġ bih ħaddieħor fuq l-allegati messaġġi. Aħna stess ma nqisuniex f’pożizzjoni li ninterpretaw l-allegati messaġġi. Inħallu l-interpretazzjoni f’idejn persuni kompetenti fil-Knisja.
7. Ħadd ma huwa awtorizzat li jikteb jew jitkellem f’isimna. Il-materjal ippubblikat minna jinsab fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħna: www.borgin-nadur.org
8. Il-messaġġ ewlieni tas-Sinjura ta’ Borġ in-Nadur jidher li huwa li tħobbna b’imħabba ta’ omm vera u li qalbha u qalb Binha Ġesù jinsabu mweġġgħin minħabba d-dnub tal-bniedem. Is-Sinjura titlob konverżjoni mill-umanità kollha u mill-Insara. Dil-konverżjoni, is-Sinjura qed titlobha billi nduru lejn Ġesù permezz tal-Qrar, l-Ewkaristija, ir-rużarju, is-sawm, is-sagrifiċċji u l-penitenza.
9. Nixtiequ nenfasizzaw li l-allegati fenomeni li jseħħu f’rabta ma’ dawn l-allegati messaġġi għandhom importanza sekondarja u sussidjarja għall-allegat messaġġ ta’ Borġ in-Nadur.
10. Fejn jidħlu dawn l-allegati messaġġi, dehriet u fenomeni oħra, filwaqt li ma nistgħux niċħdu l-esperjenzi personali tagħna, aħna nissottomettu lilna nfusna għall-ġudizzju tal-awtoritajiet kompetenti tal-Knisja Kattolika.
11. Nixtiequ nħeġġu lil dawk kollha li qed isegwu dawn il-ġrajjiet biex:
a. ikunu fidili lejn il-fatti
b. ikunu ubbidjenti lejn l-awtoritajiet tal-Knisja, kemm-il darba jkun hemm xi direttiva dwar dawn il-ġrajjiet
c. jibnu l-fidi tagħhom fuq il-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja.
12. Xi persuni assoċjati ma’ Borġ in-Nadur imexxu katina-rużarju fuq l-għolja ta’ Borġ in-Nadur bl-intenzjoni biex pajjiżna jkun imħares mid-divorzju. Il-katina rużarju ilu li beda minn qabel il-kwistjoni tar-referendum fuq id-divorzju u barra minn hekk, l-intenzjonijiet għat-talb varjaw matul iż-żmien. Fl-allegati messaġġi, is-Sinjura ġieli talbet hi stess biex isiru dawn il-laqgħat għall-katina-rużarju.
13. Fr Hayden Williams OFM Cap u Fr David Cefai SJ ma ġewx imqabbdin mill-awtoritajiet tal-Knisja biex ikunu preżenti magħna, iżda jilqgħu t-talba tagħna biex jakkumpanjawna. Aħna ma nqisux il-preżenza tagħhom bħala rikonoxximent ta’ Borġ in-Nadur mill-awtoritajiet tal-Knisja u lanqas huma magħna biex japprovaw jew le dak li jseħħ fuq Borġ in-Nadur jew joħroġ minn dawn il-fenomeni u messaġġi. Fr Hayden u Fr David m’humiex magħna biex jippromwovu jew imexxu l-messaġġi ta’ Borġ in-Nadur, imma biex jgħallmuna l-Kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Dan l-akkumpanjament inħossuh ta’ bżonn għalina u għal dawk li jattendu.
14. Nixtiequ noffru din ir-riflessjoni teoloġika miktuba minn Mons. Rene Laurentin fil-ktieb The Apparitions of the Blessed Virgin Mary Today, p. 123-127. Huwa u jirrifletti fuq it-tema tad-diżastri naturali f’diversi allegati messaġġi tal-Madonna fi żminijietna, Mons. Laurentin jikteb:
“Id-dehriet tal-lum, bħal dawk tal-imgħoddi, huma fl-istess ħin messaġġ profetiku u proposta mill-Vanġelu. Dil-proposta taf tkun ripetuta sa ma tinħass vojta wkoll. Smajnieha qabel. Iġġegħilna nħarsu bis-serjetà lejn realtà li ttraskurajna u nsejna, għax fil-każ tagħna spiss dak li hu urġenti issa jieħu l-post ta’ dak li hu essenzjali.
Il-messaġġ tad-dehriet, l-ewwelnett joffrilna eżami: id-dinja tal-lum intelqet bla kedda u bla nkwiet għad-dnub. Qed teqred lilha nnifisha. It-theddida hija tassew serja. Dan hu li qed jgħidu d-dehriet b’diversi modi: daqqa b’lingwaġġ maħsub biex jaħsad lil dak li jkun u daqqa b’lingwaġġ li jaħbi u oskur...
Id-dehriet irattbu u sa ċertu punt iħaffu l-qawwa ta’ meta jixxandru theddidiet li jkunu waslu biex iseħħu... għax l-intenzjoni mhix biex tbeżża’ lin-nies jew li tagħmilhom aktar anzjużi, iżda biex tistedinhom imorru lura lejn l-għajn li tfejqilhom id-dnewwa u l-ansjetajiet...
Id-dnub hu l-għerq tal-ħażen (insult għal Alla u qerda tal-bniedem)...
Id-dnub tagħna jeqred l-ordni u l-ekoloġija tal-kreazzjoni ta’ Alla. Aħna niżviluppaw kif ukoll inħassru lid-dinja li fuqha nsaltnu. L-ekoloġisti dan jafuh fuq il-livell tar-rittmi naturali tad-dinja. Iżda l-livell morali u reliġjuż mhux mogħti biżżejjed attenzjoni. Dan hu dak li jżomm lill-ħolqien u lill-bnedmin f’bilanċ fir-relazzjoni essenzjali tagħhom mal-Ħallieq. Mingħajr dan il-bilanċ hemm ir-riskju li neqirdu lilna nfusna. Fl-isforz biex naqtgħu lilna nfusna ’l hemm mill-Ħallieq inkunu qisna wieħed li jisserra l-fergħa stess li qiegħed ipoġġi fuqha. Dan il-bilanċ morali u divin fl-aħħar mill-aħħar huwa l-aspett l-aktar importanti...
Id-dnub, peress li jeqred ir-relazzjoni bejn il-ħlejqa u l-Ħallieq, jeqred lill-ħlejqa stess. Id-dnub iferina fuq livell fiżiku, f’ġisimna, fuq livell spiritwali, kif ukoll jeqred lid-dinja. L-evidenza ta’ dan hija ċara daqs il-jum.
Xejn minn dan ma hu vendetta mixħuta fuqna, iżda hi biss il-konsegwenza li hemm fl-iżbalji umani stess. Il-qerda tagħna nfusna hija forma ta’ ġustizzja li toħroġ mill-aġir ħażin tagħna stess. M’huwiex Alla l-awtur tal-ħażin li jiġrilna. Aħna stess l-awturi ta’ dan.
M’għandniex ninsew ukoll li minħabba l-għaqda li hemm bejn il-bnedmin, il-ħażin jeffettwa saħansitra lill-innoċenti.”
Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Frar 2011, għall-ħabta ta’ 8.15 ta’ filgħodu, Catherine, mart Angelik, daħlet fil-kamra tat-talb fid-dar tagħhom fejn iżommu l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni u ndunat li kien hemm dmugħ tad-demm frisk ma’ wiċċ l-istatwa.
Nhar il-Ġimgħa, 11 ta' Frar 2011, filgħodu, Angelik u Catherine kienu fil-karrozza ma' Raymond Vella. Kienu serjin jagħmlu xi qadjiet. Għall-ħabta tal-11.00, f'salt wieħed Angelik daħal f'estasi u l-anġlu kustodju tiegħu tah messaġġ. Qallu li dak il-ħin fid-dar tagħhom l-istatwa tal-Kunċizzjoni kienet qed tnixxi dmugħ tad-demm mill-għajnejn u mill-qalb li hemm fuq l-id il-leminija tal-istatwa. Minnufih Catherine nfurmat lil Fr Hayden b'dan kollu. Fr Hayden qalilhom biex huma u sejrin lura d-dar jinfurmawh ħalli jkun jista' jmur jidħol magħhom. Hekk għamlu u għall-ħabta tas-1.30 ta' wara nofs in-nhar daħlu u sabu li kien hemm xi dmugħ tad-demm frisk fuq ħaddejn l-istatwa u xi demm mal-qalb li hemm fuq idha.
Aktar tard dak in-nhar, waqt li Angelik kien għaddej mill-uġigħ tal-pjagi, kellu dehra mis-Sinjura. Din qaltlu li hija omm b'qalbha muġugħa minħabba li uliedha mhux qed jemmnu l-messaġġi u s-sinjali li qed tagħti.
Ġie rappurtat fil-media li Angelik Caruana u persuna oħra qabżu l-barrikati waqt l-udjenza mal-Papa llum. Angelik Caruana kien fil-fatt preżenti għall-udjenza, iżda la hu u lanqas ħaddieħor ma qabżu l-barrikati. Waqt l-udjenza, Angelik Caruana qam bil-wieqfa u għajjat lill-Papa: “Santità!” u xejjer ittra magħluqa għall-Papa. Membri tas-Sigurtà qalu lil Angelik biex imur magħhom u staqsewh x’ried. Wegħduh li jgħaddu l-ittra. Imbagħad stiednu lil Angelik biex ikompli jassisti fl-udjenza tal-Papa.
Nhar it-Tnejn, 27 ta' Dicembru, wara nofs in-nhar, il-Mulej sejjaħ għal għandu fil-ħajja ta' dejjem lil Doreen Vella li kienet tifforma parti miċ-Ċenaklu Theotokos.
Iċ-Ċenaklu Theotokos jixtieq jistiednek biex tingħaqad miegħu u l-familjari ta' Doreen għall-quddiesa tal-funeral li se ssir nhar l-Erbgħa fit-3.30 pm fil-knisja parrokkjali ta' Birżebbuġa.
Nistednukom biex dan ikun mument li ngħixuh flimkien fil-fidi nisranija taħt il-ħarsien ta' Ommna Marija, mtella' s-Sema bir-ruħ u l-ġisem.
Is-saċerdoti huma mitluba li jġibu stola bajda.
Fis-17 ta' Settembru 2010, beda jimmaterjalizza żejt ma' statwa tal-Madonna minn Medjugorje. Din l-istatwa tal-injam kien xtraha għalih Fr Hayden meta mar pellegrinaġġ Medjugorje fl-2005.
Fil-lejl ta' bejn is-7 u t-8 ta' Settembru 2010, fil-laqgħa tal-MIR li saret fil-parroċċa tal-Imtarfa, f'riġlejn din l-istatwa, Fr Hayden mexxa lil dawk preżenti f'att t'affidament tal-familji tagħhom u l-familji Maltin f'idejn Marija, is-Sultana tal-Paċi u s-Sultana tal-Familja. Hekk kif intemmet il-laqgħa tal-MIR, Fr Hayden irregala din l-istatwa lil Angelik.
Mela, fis-17 ta' Settembru 2010, hekk kif Fr Hayden daħal għand Angelik biex jakkumpanjah fit-talb matul it-tbatija tal-pjagi - li Angelik jgħaddi minnha nhar ta' Ġimgħa, Fr Hayden innota li ma' wiċċ l-istatwa kien qed jimmaterjalizza żejt simili għal dak li qed jimmaterjalizza mal-istatwa tal-Kunċizzjoni u xi xbihat oħra fid-dar ta' Angelik. Fr Hayden mesaħ wiċċ l-istatwa u nnota li sakemm dam hemm (madwar sagħtejn) iż-żejt kompla jimmaterjalizza mal-istatwa. Fr Hayden kien kontinwament preżenti ħdejn l-istatwa. Iż-żejt għadu jimmaterjalizza sal-lum.
|
Nhar it-Tlieta, 16 ta' Frar 2010, għall-ħabta tat-8.15 a.m., jiena mort id-dar ta' Angelik biex inwasslu fuq il-post tax-xogħol. Qabel ma tlaqna, Angelik talabni biex ngħidu talba quddiem l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li kienet bkiet dmugħ tad-demm diversi drabi. Din ma kienetx l-ewwel darba li jiena u Angelik tlabna flimkien quddiem l-istatwa.
| |
|
Jiena u Angelik morna fil-kamra tat-talb ta' Angelik quddiem l-istatwa. Jiena raddejt is-salib u fil-ħin Angelik daħal f'estasi u waqa' bilqiegħda fuq is-siġġu ħdejja. Dak il-ħin Angelik qalli biex immur ħdejn l-istatwa tal-Madonna għax kienet se tibki d-demm.
Jiena mort mill-ewwel quddiem l-istatwa. Kif ħarist lejha ma kien hemm l-ebda dmugħ tad-demm ġdid. Wara ftit sekondi mill-kantuniera tal-għajn ix-xellugija tal-istatwa ħarġet demgħa tad-demm irqieqa. Kif rajt din id-demgħa mort mill-ewwel ħdejn Angelik li kien għadu f'estasi. Angelik qalli li jiena għandi nkun xhud ta' dan u nxandar din il-ġrajja ma' kulħadd. Wara Angelik qalli li hu ma kien jiftakar xejn ħlief li kellu dehra tal-anġlu kustodju tiegħu.
Fil-ħin jiena sejjaħt lil mart Angelik u lit-tfal. Fl-istess mument wasal Fr Hayden li kellu jiġi għal xi qadja għand Angelik. Dawn kollha setgħu jaraw id-dmugħ tad-demm frisk fuq wiċċ l-istatwa tal-Kunċizzjoni.
Din l-esperjenza ħalliet impatt qawwi fuqi u kabbret fija l-fidi li Alla qed jinqeda b'dawn l-affarijiet biex nikber fil-fidi u naħdem aktar għall-konverzjonijiet. Issa li rajt dan is-sinjal, jiena nistaqsi lili nnifsi x'se nagħmel b'din l-esperjenza. Irrid insegwi dak li qed tgħidilna l-Madonna fil-messaġġi tagħha mill-aħjar li nista'. Din ix-xhieda tinsab ukoll fis-sezzjoni tat-Testimonjanzi ta' din il-website. | |
Il-Messaġġi tas-Sinjura ta' Borġ in-Nadur ġewwa Malta, issa huma wkoll disponibbli bil-lingwa Taljana.
Il-Pubbliku huwa mħeġġeġ biex iniżżel kopja ta' din il-verżjoni Taljana tal-messaġġi permezz tal-link kif muri hawn taħt:
L-Istatwa tal-Kunċizzjoni fid-dar ta' Angelik Caruana reggħet bkiet dmugħ tad-demm f'dawn id-dati: 27 ta' Marzu 2009, 8 ta' Mejju 2009, 29 ta' Mejju 2009, 17 ta' Lulju 2009 u 2 ta' Settembru 2009.
Dmugh tad-Demm |
Dmugh tad-Demm |
Dmugh tad-Demm |
Dmugh tad-Demm |
Fit-30 t'Ottubru 2007, qalb b'xewka fiha kienet instabet fuq il-pala tal-id il-leminija tal-istatwa tal-Kunċizzjoni fid-dar ta' Angelik. Minn din il-qalb, nhar it-Tnejn, 14 ta' Settembru 2009 nixxa d-demm.
Qalb b'xewka fiha li |
F'dehra tas-Sinjura li Angelik kellu fl-20 ta' Settembru 2009 fix-Xewkija, Għawdex, is-Sinjura dehret tibki u damet tibki sal-ħames posta tar-rużarju. Ħin minnhom hija żammet il-kuruna fil-pala tal-id il-leminija filwaqt li fuq il-pala ta' idha x-xellugija kien hemm qalb umana ħajja u tħabbat li kienet miksija bix-xewk u toqtor id-demm. Fil-messaġġ li tat wara, is-Sinjura tkellmet dwar kemm hija mweġġa' bin-nuqqasijiet tas-saċerdoti, wliedha ta' qalbha. Fil-messaġġi tagħha, is-Sinjura qed tħeġġeġ biex is-saċerdoti jirranġaw ħajjithom u biex in-nies iħobbu lis-saċerdoti bis-serjeta, jitolbu għalihom u joffru sawm, sagrifiċċji u penitenzi għalihom. Is-Sinjura qed tħeġġeġ lin-nies jersqu għand is-saċerdoti biex iqerru u jirċievu lil Ġesu fl-Ewkaristija.
Is-Sinjura għandha qalbha muġugħa wkoll minħabba li d-dnub sar qisu mhu xejn. Fost dawn id-dnubiet hija qed issemmi l-abort, id-divorzju, it-tkissir tal-familja, il-pornografija, u l-gwerer.
Is-Sinjura tixtieq konverżjoni interna fil-Knisja billi l-insara jerġgħu jibdew jgħixu kif kienet il-Knisja fil-bidu: magħqudin magħha fit-talb u jkunu magħqudin ħaġa waħda fl-imħabba.
Ejjew nieħdu dawn il-messaġġi ta' Marija Omm Alla, is-Sinjura ta' Borġ in-Nadur bis-serjeta. Din hi Omm Alla.